Close

Daphne

Fis-16 ta’ Ottubru, 2017, splodiet bomba taħt karozza fil-Bidnija li ħadet il-ħajja tal-ġurnalista investigattiva ewlenija ta’ Malta: Daphne Caruana Galizia. Nistgħu ngħidu li dan, b’aktar minn mod wieħed, kien punt kruċjali fl-istorja politika Maltija moderna. Dan il-mument fired dak li ġie qablu minn dak li ġie warajh.

Intqal u nkiteb ħafna dwar l-implikazzjonijiet soċjali u politiċi ta’ din l-eżekuzzjoni makabra. Hawn se nillimitaw ruħna għal tliet kunsiderazzjonijiet li ħarġu mir-rapport maħruġ fil-konklużjoni ta’ l-inkjesta pubblika dwar iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Spiss jingħad li biex jirbaħ il-ħażen, kulma hu meħtieġ huwa li n-nies tajbin ma jagħmlu xejn. Ħaġa xokkanti u li toħroġ ċara  fir-Rapport fuq il-qtil ta’ Daphne hija s-sensiela ta’ “dnubiet ta’ omissjoni” li saru minn dawk li kellhom ir-responsabbiltà mhux biss li jipproteġu lil Daphne iżda wkoll li jipprevjenu l-ħolqien ta’ stat de facto ta’ impunità, li wassal biex min ordna l-qtil jaħseb li seta’ jgħaddiha lixxa. L-atmosfera ta’ impunità ġiet iġġenerata mill-“ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f’Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħra bħal istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija li wassal għall-kollass tas-saltna  tad-dritt”[1].

Sew hux minħabba nuqqas ta’ azzjoni volontarja jew inkompetenza grassa, ir-riżultat kien li Daphne tħalliet waħedha, vulnerabbli u esposta sal-punt li fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-qtil tagħha.

“Liema tip ta’ biża’ jżommna milli nuru solidarjetà maċ-ċittadini ħutna li bi qlubija jissieltu għall-ġustizzja fostna?”

Fid-dawl ta’ din il-ġerħa li se ttebba’ għal dejjem il-kuxjenza kollettiva tagħna, jista’ jkun li għandna nistaqsu lilna nfusna jekk aħna, bħala ċittadini komuni, għandniex nagħmlu aktar biex ngħollu leħinna flimkien biex niddefendu dak li hu tajjeb sabiex noqogħdu spalla ma’ spalla ma’ dawk li jieħdu r-riskju li joħorġu għonqhom għas-sewwa, spiss b’riskju personali kbir. Liema tip ta’ biża’ jżommna milli nuru solidarjetà maċ-ċittadini ħutna li bi qlubija jissieltu għall-ġustizzja fostna? Ovvjament, jista’ jkun li nippreferu ma niħdux riskji u nħallu l-ġlieda għal-soċjetà aħjar f’idejn ħaddieħor. B’dan il-mod, qatt mhu se jkollna tort, qatt mhu se nfallu u qatt m’aħna se nkunu l-mira ta’ kritika[2]. Daphne, bil-mod inimitabbli u spiss kontroversjali tagħha, qatt ma qagħdet lura minn din il-ħidma li spiss ma tirċievi l-ebda rikonoxximent. U għal dan, ħallset l-ogħla prezz. Fuq l-eżempju tagħha, forsi ta’ min nieħdu aktar bis-serjetà l-istedina li tiġi direttament minn dawn il-kliem li qal il-President Theodore Roosevelt:

“Mhuwiex il-kritiku li jgħodd; u lanqas huwa dak li jurina kif ir-raġel b’saħħtu jitfixkel, jew kif min jagħmel l-għemil seta’ għamlu aħjar. Il-krettu huwa ta’ dak li qiegħed fl-arena, li għandu wiċċu mtebba’ bit-trab u l-għaraq u d-demm; li jistinka bi qlubija; li jiżbalja, li jonqos darba wara l-oħra, għax m’hemmx sforz mingħajr żball u nuqqasijiet; iżda li tabilħaqq jistinka biex iwettaq l-għemil; li jaf il-ħeġeġ il-kbar, id-devozzjonijiet il-kbar; li jinfena għal kawża ġusta; li fl-aħjar tiegħu jaf fl-aħħar ir-rebħa tal-ogħla kisbiet, u li fl-agħar tiegħu, li jekk ifalli, tal-anqas qed ifalli meta jkun qed jissogra bil-kbir, u b’hekk postu qatt ma jkun ma’ dawk l-erwieħ bierda u timidi li la ġarrbu r-rebħa u lanqas it-telfa.”[3] 

It-tieni punt li nixtiequ nenfasizzaw huwa l-kampanja kostanti ta’ demonizzazzjoni li Daphne kienet soġġetta għaliha bi ħdura u qawwa dejjem akbar. Din il-kampanja ta’ mibegħda kienet tabilħaqq xokkanti, mhux biss fl-intensità tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-fatt li jidher li parti minn dawn l-attakki kiefra kellhom l-appoġġ tal-Istat. Ħadd, wisq inqas il-ġurnalisti, ma għandu jkun soġġett għal dan il-livell ta’ attakki mimlija mibegħda. Kif nistgħu qatt nittamaw li nibnu soċjetà paċifika u ġusta jekk il-livell tad-diskors pubbliku tagħna spiss ħafna jaqa’ għal attakki tal-mistħija u partiġġani? Wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ soċjetà tassew demokratika hija l-ħila tad-djalogu. B’xorti ħażina, qed ngħixu f’soċjetà dejjem aktar polarizzata u atomizzata, li fiha l-membri ta’ gruppi partikolari jinqatgħu għalihom fi kmamar tal-eku li fihom min jaħsibha bħalhom biss huwa milqugħ.  Bħala soċjetà, għandna l-ħtieġa urġenti li niskopru mill-ġdid l-arti tad-djalogu rispettuż[4]. Nistgħu nimxu ’l quddiem u nistinkaw għall-ġid komuni biss jekk lill-oħrajn inkunu kapaċi nisimgħuhom minflok neqirduhom[5].

“Bħala soċjetà, għandna l-ħtieġa urġenti li niskopru mill-ġdid l-arti tad-djalogu rispettuż”

Fl-aħħar, ir-rapport tal-inkjesta jenfasizza, b’ċarezza li tissummana, il-qrubija mhux xierqa bejn in-negozjanti u l-politikanti. Kull min qara l-artikli tagħha jaf kemm Daphne kienet kritika ta’ din l-intimità bejn in-negozjanti l-kbar u l-gvern. Din il-qrubija u r-relazzjoni intima kienu fatturi determinanti għal għadd ta’ proġetti kbar li spiċċaw taħt l-iskrutinju tal-awditur ġenerali u tal-inkjesti maġisterjali. Ħafna minn dawn ir-rapporti u l-inkjesti sabu irregolaritajiet sinifikanti. In-negozji l-kbar ħatfu l-opportunità li jibqgħu għaddejjin bil-proġetti tagħhom bl-inqas sorveljanza amministrattiva, u permezz tal-“manipulazzjoni” ta’ uffiċjali għolja.

Ir-rapport dwar l-inkjesta ta’ Daphne ssottolinja d-dmir tal-amministrazzjoni pubblika li tissalvagwardja l-istat tad-dritt. Il-kilba għall-flus u l-qligħ min-negozjanti jew l-uffiċjali pubbliċi qatt ma tista’ titħalla teqred kwalunkwe traċċa ta’ governanza tajba. Diżgrazzjatament, ir-rapport jiddeskrivi sistema li fiha, minflok l-uffiċjali eletti tagħna jkunu għas-servizz tal-ġid komuni – fejn “is‑sħiħ” (il‑ġid tal‑polis fl‑interess ta’ kulħadd) hu tassew ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien (jew l‑interessi individwali tagħna)[6] – kienu qegħdin jaqdu l-interessi ta’ ftit nies setgħana. Hawn qegħdin mili ’l bogħod mill-prinċipju tal-governanza tajba, skont liema l-uffiċjali pubbliċi eletti jiġu eletti biex “jamministraw” il-beni pubbliċi fl-aħjar interess tal-ġid komuni, b’mod partikolari fl-interess tal-iktar vulnerabbli. F’dan il-każ, il-ġid u s-setgħa assoċjati mar-rwol intużaw biex javvanzaw l-interessi privati ta’ grupp ristrett ta’ nies sinjuri u setgħana.  Bil-mod tiegħu, il-baraxx ta’ telefonati qabel kull elezzjoni jsaqsu lin-nies għandhomx bżonn xi ħaġa, huwa sinjal ieħor tat-triq twila li għandna quddiemna fejn tidħol il-governanza tajba. Daphne ssieltet b’kulma kellha għal pajjiż li fih il-ministri u l-membri parlamentari jeżerċitaw l-awtorità delegata tagħhom b’onestà, trasparenza, u spirtu ta’ servizz, minflok iġibu ruħhom bħal xi xorta’ ta’ sinjuri fewdali li jqassmu il-beni pubbliċi bħala “pjaċiri”. Dan iż-żwieġ inċestuż ta’ konvenjenza bejn iż-żewġ ċentri ta’ poter l-aktar qawwija fil-pajjiż irrappreżentat min-negozjanti u l-politikanti, wassal biex kważi nħoloq stat Mafjuż[7]. Kellha tkun il-mewt ta’ Daphne biex ħafna minna jirrealizzaw sa fejn l-ideal tal-governanza tajba u s-servizz pubbliku kien ġie korrott u ppervertit.


[1] Bord ta’ Inkjesta – Daphne Caruana Galizia, 388. 

[2] “U hekk, ladarba inti biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi.” Apk 3, 16.

[3] Theodore RooseveltDiskors mogħti fit-23 ta’ April, 1910.

[4] Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Imsejħa naħdmu għall-ġustizzja u l-paċi. Stqarrija mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, 3.

[5] Cf. Naraw il-verità, lil hinn mill-inkonsistenzi tagħna, https://gp.knisja.mt/naraw-il-verita-lil-hinn-mill-inkonsistenzi-taghna/ (aċċessata t-13/10/2021)

[6] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 58

[7] Cf. Bord ta’ Inkjesta – Daphne Caruana Galizia, 388.