Close

Miriam

Fit-2 ta’ Marzu 2020, Miriam Pace inħarġet minn taħt ir-radam ta’ darha stess. Dak li suppost kien post ta’ sikurezza u kumdità spiċċa sar qabar. Għad hemm bosta proċedimenti l-qorti biex jiddeterminaw il-ħtija tan-nies involuti. Iżda li huwa ċert huwa li, fi kliem l-Arċisqof Scicluna fil-funeral tagħha, Miriam kienet vittma tal-inġustizzja[1]. Wisq ta‘ spiss, ir-regolamenti u l-politiki li suppost qegħdin fis-seħħ biex jipproteġu lin-nies kif ukoll lill-ambjent naturali, jew ma jiġux infurzati sew jew jiġu interpretati b’tali mod li dejjem jiffavorixxi “l-iżvilupp ekonomiku”. Iċ-ċittadini huma mistennija li jkunu għassa 24 siegħa kuljum ma jmurx ikun hemm bżonn li ssir oġġezzjoni kontra xi “żvilupp” jew politika ġdida. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn dawk li jridu jħarsu u jippromwovu forma ta’ żvilupp li fil-qalba tiegħu jkollu l-kwalità tal-ħajja tan-nies qegħdin fi żvantaġġ kontra dawk li qed jippjanaw l-aħħar megażvilupp jew li jieħdu art pubblika għal raġunijiet purament ekonomiċi. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar mhux talli għandhom aktar aċċess għall-politiċi u għal min ifassal il-politika, iżda riżorsi infinitament akbar għad-dispożizzjoni tagħhom.

Huwa ġeneralment rikonoxxut – saħansitra minn dawk fis-settur innifsu[2] – li fil-qasam tal-ippjanar u l-kostruzzjoni hemm xi ħaġa serjament ħażina. Fuq dan jiddependu mhux biss il-ħajjiet ta’ dawk li jgħixu fil-biża’ kull darba li jfiġġ sit tal-kostruzzjoni maġenb djarhom. Iżda wkoll, id-destin ta’ bosta ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni li, minħabba negliġenza u infurzar ħażin, fi snin riċenti korrew gravi jew tilfu ħajjithom. Huwa wkoll sigriet magħruf li dan is-settur jiddependi fuq il-ħaddiema migranti, li ħafna minnhom huma impjegati irregolarment u sfruttati. Wara kollox, xejn mhi kumbinazzjoni li ħafna minn dawk li weġġgħu jew inqatlu fi snin riċenti kienu migranti. F’dan is-sens, Lamin Jaiteh huwa biss wieħed minn ħafna[3].

Filwaqt li nirrikonoxxu li l-kostruzzjoni hija xogħol perikoluż fih innifsu, żgur li jista’ jsir aktar biex jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ sikurezza jkunu kollha fis-seħħ u jiġu segwiti kif xieraq. Rapport li nkiteb wara t-traġedja li ħadet il-ħajja ta’ Miriam Pace qal li biex jiġu ffrankati l-ħin u l-ispejjeż, ċerti prassi li kienu għaddejjin fis-sit ta’ kostruzzjoni, flimkien ma’ nuqqas kroniku ta’ infurzar xieraq, mhuma “xejn ħlief logħba ta’ Russian Roulette mal-ħajjiet ta’ terzi persuni”[4].

“Hija illużjoni li naħsbu li nistgħu nibqgħu f’saħħitna f’dinja marida”

Finalment, huwa importanti wkoll li nirrikonoxxu li, fuq skala usa’, kollha kemm aħna nispiċċaw inbatu minħabba l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet tal-ippjanar ħżiena msejsa fuq fehim dejjaq u mijopiku tal-iżvilupp. F’dak li jirrigwarda l-estetika, pereżempju “qed ngħixu f’ambjent li fih il-kruha ttaqqal ir-ruħ u tagħmel l-ordinarjetà tal-ħajja ta’ kuljum aktar diffiċli”[5]. In-nuqqas ta’ spazji ħodor miftuħa – idealment mhux mimsusin mill-iżvilupp u mhux maħluqa artifiċjalment bħala forma ta’ kumpens għall-qerda tal-ambjent naturali – serjament jaffettwa s-saħħa mentali tagħna.  Fi kliem il-Papa Franġisku, hija illużjoni li naħsbu li nistgħu nibqgħu f’saħħitna f’dinja marida[6]. U allaħares naslu fi stat li l-ispazji ħodor pubbliċi tant isiru limitati, u li l-aċċess pubbliku għall-kosta tant jinfirex li s-sinjuri biss se jkunu jistgħu jkomplu jgawdu – f’Malta jew barra – ir-relazzjoni man-natura li tfejjaqna u taħjina.


[1] Cf. ‘Miriam is a victim of injustice’ – Archbishop Scicluna, https://newsbook.com.mt/en/photos-people-gather-to-celebrate-the-life-of-miriam-pace/ (aċċessata 16/09/2021)  

[2] Cf. Good Governance absent from proposed construction reform – architects, https://newsbook.com.mt/en/good-governance-absent-from-proposed-construction-reform-architects/ (aċċessata 16/09/2021) 

[3] Cf. Migrant worker allegedly dumped on roadside after building site fall, https://timesofmalta.com/articles/view/migrant-worker-allegedly-dumped-on-roadside-after-building-site-fall.903872 (aċċessata 13/10/2021)

[4] Playing with lives – dangerous building and excavation practices, https://timesofmalta.com/articles/view/playing-with-lives-dangerous-building-and-excavation-practices.846720 (aċċessata 15/10/2021)

[5] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 59

[6] Cf. Il-Papa Franġisku, Mument Straordinarju ta’ Talb presedut mill-Papa, Marzu 2020.