Close

Verità

Fis-snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-karba għall-ġustizzja saret marka distintiva tal-ambitu politiku u soċjali tagħna. Minn naħa waħda, il-ħtieġa għar-rikonċiljazzjoni qatt ma nħasset b’daqshekk saħħa. Sa issa, drajna l-fatt li n-nies għandhom tendenza jenfasizzaw il-ġustizzja jew ir-rikonċiljazzjoni skont it-twemmin politiku tagħhom. Iżda jista’ qatt ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr ġustizzja? Wara kollox, il-fil komuni li jgħaddi minn dawn l-istejjer traġiċi li semmejna qabel huwa dak ta’ kultura ta’ impunità mifruxa. U jekk l-impenn tagħna li naħdmu għall-ġustizzja huwa ta’ restawr u mhux ta’ retribuzzjoni, ġustizzja li żżomm miftuħa t-tama ta’ ħajja fil-paċi bejn l-“għedewwa”, tista’ qatt il-ġustizzja teskludi r-rikonċiljazzjoni? Aħna nemmnu bis-sħiħ li t-tfittxija għar-rikonċiljazzjoni u t-tiftixa għall-ġustizzja jmorru id f’id. U l-valur li jirfed dawn it-tfittxijiet interkonnessi huwa l-verità.

Ma jista’ qatt ikun hemm rikonċiljazzjoni reali jekk it-terruri tal-imgħoddi tagħna ma jiġux imsemmija, rikonoxxuti u ġġudikati pubblikament. Kif enfasizza m’ilux l-Arċisqof ta’ Malta, biex nirbħu lill-għadu tal-mibegħda li qed jgħammar fostna “ma nistgħux inħassru l-passat b’gomma maġika. Anke l-Papa Franġisku jgħidilna li tkun bluha li ninsew l-inġustizzja meta nfittxu r-rikonċiljazzjoni, għax dan kulma jagħmel huwa li jiżgura li l-inġustizzja tittenna.”[1] Qatt ma jista’ jkun hemm ġustizzja reali jekk il-verità ma tinkixifx. Huwa kruċjali li ssir ġustizzja ma’ dawk li huma direttament u indirettament risponsabbli mill-imwiet ta’, pereżempju, Daphne, Lassana u Miriam. Iżda huwa wkoll kruċjali li t-tfittxija tagħna għall-ġustizzja tinkludi xewqa li ngħixu f’soċjetà ġusta “fejn is-saltna tad-dritt hija ggarantita, fejn id-drittijiet u l-obbligi huma rispettati mhux biss mill-Istat imma minn kull individwu, u fejn kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi”[2].  Biex din is-soċjetà qatt ikollha ċans issir realtà, neħtieġu ċittadini onesti. Fi snin riċenti, minflok il-virtù, rajna l-espansjoni tar-regolamentazzjoni. Iżda fin-nuqqas ta’ ċittadini onesti, l-ebda regola, regolamentazzjoni jew liġi qatt mhi se tkun biżżejjed biex tħares l-istat tad-dritt.

Il-fiduċja hija tassew skarsa fis-soċjetà tagħna. Ħafna mill-iskandli li dan l-aħħar kienu fl-aħbarijiet ewlenin – sew Malta kif ukoll barra, fil-qasam politiku/ekonomiku, kif ukoll fil-Knisja – jistgħu jiġu deskritti bħala ksur tal-fiduċja. Spiss nissottovalutaw l-importanza tal-fiduċja fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Meta nħallsu bil-kard għand tal-ħanut, ikollna l-fiduċja li se jinġibed l-ammont ġust mill-kard; meta nitilgħu fuq ajruplan, ikollna l-fiduċja li l-bdot se jeħodna fid-destinazzjoni tagħna mingħajr periklu; meta nibagħtu messaġġ lil ħabib, ikollna l-fiduċja li dak il-messaġġ fil-fatt se jintbagħat lil dak il-ħabib u mhux lil ħaddieħor. Li kieku kellna nibdew niddubitaw dawn it-tranżazzjonijiet u operazzjonijet ta’ kuljum li huma msejsa fil-biċċa l-kbira fuq il-fiduċja, il-ħajjiet tagħna jsiru impossibbli. U jekk, f’livell ogħla, tintilef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet li suppost imexxuna, jiggwidawna, jipproteġuna, eċċ., ma nkunux wisq ’il bogħod mill-kollass totali tal-polis tagħna.U l-fiduċja hija fraġli – faċli tintilef, u diffiċli ħafna biex terġa’ tinkiseb.

Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li, apparti minn riforma etika msejsa fuq is-saltna tad-dritt ta’ ħafna istituzzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħna, sabiex titreġġa’ lura l-fiduċja, il-virtù tal-onestà hija kruċjali. “Soċjetà li kulma żżommha flimkien hija l-konformità mar-regoli hija fraġli minnha nfisha, miftuħa għal aktar abbużi li r-risposta għalihom tkun espansjoni ulterjuri tar-regolamentazzjoni.”[3] Id-definizzjoni ta’ persuna virtuża hija waħda li tagħmel it-tajjeb anke meta ħadd ma jkun qed iħares u li taġixxi minn sens tad-dinjità tagħha stess u ta’ ħaddieħor. Għandna bżonn ċittadini u politiċi onesti biex imorru kontra n-narrattiva ta’ ħmieġ, opportuniżmu u diżonestà li qed jivvelenaw it-tessut soċjali tagħna. It-tfittxija għar-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja jinvolvu proċess twil u għali. Bħala Nsara, xejn anqas minn tiftixa intenzjonata u enerġetika ta’ dawn l-għanijiet mhu biżżejjed. L-onestà, il-verità, il-ftuħ u t-trasparenza ma għandhomx ikunu biss valuri li nfittxu f’ħaddieħor u fina nfusna bħala individwi, iżda bħala karatteristiki distintivi tal-komunitajiet tal-fidi tagħna. Il-missjoni tagħna li nibnu, permezz tad-djalogu, Malta aktar ġusta u rikonċiljata, tista’ sseħħ biss billi ndewwu l-ġrieħi tas-soċjetà tagħna bil-balzmu tal-verità u l-onestà.


[1] On Victory Day, Archbishop warns of the enemy within, https://newsbook.com.mt/en/live-archbishop-celebrates-mass-on-the-feast-of-marys-nativity/ Omelija 7 ta’ Settembru, (aċċessata 16/09/2021)

[2] Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Imsejħa naħdmu għall-ġustizzja u l-paċi. Dokument tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, 2.

[3] Il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales, Choosing the Common Good, 12.