Close

Kuraġġ Kreattiv

Fl-ittra appostolika Patris Corde, il-Papa Franġisku jfaħħar il-virtù tal-kuraġġ kreattiv li joħroġ quddiem xi saram, meta “nistgħu jew naqtgħu qalbna u nitbiegħdu, jew b’xi mod nitħabtu miegħu. Xi drabi, id-diffikultajiet joħorġu riżorsi li lanqas biss konna naħsbu li kellna”[1]. Aħna nemmnu li żminijietna – kemm fuq livell globali kif ukoll lokali – jeħtieġu b’urġenza l-kombinazzjoni ta’ kreattività u kuraġġ jekk irridu nevitaw in-nases doppji taċ-ċiniżmu u reżinjazzjoni.   

Kif naqraw fil-Ktieb tal-Proverbji: “Jekk ma jkunx hemm min iwissi,

il-poplu jsir bla rażan”[2]. Dan in-nuqqas ta’ viżjoni huwa wkoll nuqqas ta’ immaġinazzjoni, nuqqas li nimmaġinaw futur differenti mill-preżent li ngħixu fih, nuqqas li noħolmu li soċjetà u dinja oħra huma possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, dan in-nuqqas ta’ viżjoni li hawn mixrud madwarna jirrifletti nuqqas ta’ tama. Infatti, u mhux għalxejn, bosta huma dawk li jadottaw l-attitudni ċinika ta’: l-affarijiet dejjem hekk kienu, il-partiti politiċi l-istess, għalxejn tipprova, m’hemmx x’tagħmel.

F’dan il-kuntest, is-soċjetà tagħna għandha l-bżonn urġenti li tisma’ u tinġabar madwar viżjoni profetika u kredibbli għalina u għal uliedna. Il-viżjoni proposta mill-Knisja u speċifikament mill-Papa Franġisku f’Laudato Si u Fratelli Tutti titkellem dwar soċjetà mibnija fuq il-ġustizzja, il-verità u s-solidarjetà. Hija soċjetà li ġidha ma jibqax jiddependi fuq il-produzzjoni tal-“ħela” – prodotti jew persuni – iżda li tippromwovi l-ġid komuni li jrid ikun dejjem jixbah somma ta’ multiplikazzjoni: jekk xi numru – jew persuna f’dan il-każ – ikun żero, mela t-total dejjem ikun żero. Jekk xi ħadd jitħalla barra u ma jingħatalux dak li hu essenzjali, mela jkun sar tradiment tal-ġid komuni. Fi kliem ieħor, il-ġid komuni huwa n-network sħiħ ta’ kundizzjonijiet soċjali li jippermettu lill-individwi u lil gruppi ta’ bnedmin li jiffjorixxu u jgħixu ħajja mimilja u ġenwinament umana. Il-milja li l-ġid komuni għandu l-għan li jservi huwa li l-umanità tiffjorixxi, espressa fil-frażi “żvilupp uman integrali”. Din hija l-viżjoni li għandha tattira l-immaġinazzjoni tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u li teħtieġ doża qawwija ta’ kreattività ladarba qegħdin tant ’il bogħod minn din ir-realtà.

Infatti, bosta huma dawk li se joġġezzjonaw għal din il-viżjoni, mhux bi prinċipju, iżda billi jargumentaw li din hija biċċa xogħol impossibbli u mingħajr tama. Huwa dmirna, bħala Nsara u ċittadini ta’ rieda tajba, li nagħtu indikazzjonijiet ta’ tama. Jista’ jkun li qegħdin fil-preżenza ta’ xi ħaġa ġdida li qed titwieled li, sfortunatament, ma nistgħux narawha fl-alternattivi tal-preżent[3]. Il-Knisja nfisha għandha tkun indikazzjoni ewlenija ta’ tama, alternattiva ħajja , li tinflitra u tisfida l-isfera soċjali b’viżjoni aktar radikali għall-ħolma t’Alla għall-umanità: Fil-prijorità li nagħtu lil dawk li m’għandhomx valur ekonomiku, bil-mod li bih nistinkaw għall-ġustizzja saħansitra meta kollox jidher mitluf, bil-mod li bih inkomplu niddjalogaw b’fidi tajba meta madwarna jkunu qed jinbnew is-swar tal-preġudizzju, bil-mod li bih inkomplu nservu fedelment mingħajr ma nkunu qegħdin naraw riżultati.

Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nsiru dwal ta’ tama u nkunu xhud kredibbli meta niddikjaraw li r-relazzjonijiet miksura tagħna ma’ Alla, ma’ xulxin u mad-dar komuni tagħna jistgħu jiġu restawrati, imfejqa u rikonċiljati. F’għajnejn Alla, m’hemmx kawżi mitlufa. Mhux biss fuq livell individwali iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasformazzjoni possibbli tal-istrutturi politiċi, soċjali u ekonomiċi li wasslu għall-mewt ta’ Lassana, Daphne u Miriam. Huwa f’idejna li nħaddnu it-tip ta’ tama li “toħloq rieda li tqiegħed lilek innifsek f’post mingħajr tama u li tkun xhud, li tippermettilek temmen f’ġejjieni aħjar, saħansitra quddiem poter abbużiv”[4].

M’hemmx xi ngħidu, li din il-kreattività mimlija tama trid tiġi megħjuxa b’kuraġġ. Huwa l-kuraġġ tal-pijunieri li jagħżlu l-mogħdija l-inqas imterrqa, ta’ dawk li jridu jibnu l-pontijiet li jirriskjaw li jinftiehmu ħażin min-naħat kollha u jiġu tikkettati bħala barranin minn kulħadd, ta’ dawk retti u ta’ prinċipju li jispiċċaw politikament orfni, tal-iblah li “jagħżel il-benessri ta’ l-aktar minsija minflok il-kumdità tal-folol”[5]. Trid il-kuraġġ biex tabbanduna l-kumdità ta’ “niesek” jew in-newtralità komda ta’ min ma jmiddx idejh u jikkritika biss. Bħala komunità tal-fidi dejjem irridu nistaqsu lilna nfusna jekk xi drabi aħniex ħatja li nkunu qegħdin b’idejna fuq żaqqna bħala dawk li għandhom privileġġ soċjali u b’hekk nonqsu milli naħdmu b’kuraġġ biex nittrasformaw l-istrutturi midinba tas-soċjetà.  Il-qawwa trasformattiva tal-Vanġelu ma tista’ qatt tiġi domestikata, u huwa f’idejna li niżguraw li jkun hemm fina nuqqas qaddis ta’ sabar aħna u nieħdu sehem fit-tiġdid b’tama tas-soċjetà b’kuraġġ u kreattività.


[1] Il-Papa Franġisku, Patris corde, 5

[2] Prov. 29, 18.

[3] Cf. Dietrich Bonhoeffer, Prisoner for God. Letters and Papers from Prison, Macmillan Company, 1953, 14.

[4] Bryan Stevenson, Just Mercy. A book of Justice and Redemption, Spiegel & Grau, 2015, 219.

[5] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 41