Temperanza
Aħna u nimxu ’l quddiem, issa nħarsu lejn il-virtù tat-temperanza. Tradizzjonalment, it-temperanza nftiehmet bħala l-virtù tal-moderazzjoni. Virtù li f’soċjetà bħal tagħna, li fiha huwa aktar faċli tgħid “daqshekk biss?” minflok “grazzi”, mhijiex waħda popolari jew attraenti. Iżda madankollu, jekk irridu nazzardaw li noħolmu b’mod differenti kif nirrelataw ma’ xulxin u mal-ħolqien, irridu niskopru mill-ġdid il-valuri tas-sempliċità, tas-sagrifiċċju u tas-sobrjetà f’dinja li, b’kuntrarju għas-suppożizzjoni li ssejjes il-kapitaliżmu neoliberali, hija waħda finita b’riżorsi limitati[1].
Mifhuma korrettament, it-temperanza u s-sagrifiċċju ma għandhomx jiġu meqjusa jew assoċjati ma’ forma ta’ ċaħda li hija għan fiha nfisha. Fil-fatt, it-temperanza, id-distakkament, u s-sagrifiċċju huma valuri kontrokulturali li, meta mifhuma kif suppost, imexxuna fid-direzzjoni tal-ferħ, aktar libertà u kura ta’ ħaddieħor fuq livell personali u komunitarju. Meta nagħmlu distinzjoni bejn dak li rridu u dak li neħtieġu, u nistinkaw biex negħlbu dik ir-regħba bla tarf li hija l-għerq ta’ tant ġrieħi deskritti fl-ewwel taqsima, nibdew nilmħu dik il-hena li hija ta’ dawk li jafu jillimitaw ix-xewqat li jċekknuna, u fl-istess ħin jiftħuna għall-bosta possibbiltajiet differenti li l-ħajja tista’ toffri[2]. Meta nitgħallmu l-“familjarità mal-aktar ħwejjeġ sempliċi u ma’ kif ingawduhom”[3], bilfors se nivvalutaw mill-ġdid– bħala individwi u bħala soċjetà – il-prijorità li nagħtu lill-avvanz ekonomiku għad-detriment tar-relazzjonijiet, tas-saħħa, u tal-ambjent tagħna. Din “l-idolatrija tal-flus”, li hija marbuta intimament mal-korruzzjoni fil-forom kollha tagħha, twassal għad-diżintegrazzjoni tat-tessut soċjali li qegħdin nesperjenzaw hawn Malta u li qed tħalli għadd bla tarf ta’ vittmi.
Konverżjoni soċjali u politika tax-xorta li qed nipproponu ma tistax tibda mingħajr ma nħallu lilna nfusna nitilqu miċ-ċentru, f’mossa li dejjem timplika ċertu ċaħda u sagrifiċċju. Imnebbħa mit-tagħlim soċjali tal-Knisja, niġu sfidati “kull wieħed u waħda minna, personalment u bħala komunità, biex inkunu Knisja għal u mill‑periferiji, billi nfittxu l‑ġustizzja tagħhom qabel l‑għana tagħna, il‑ġid tagħhom qabel il‑kumdità tagħna”[4]. Fil-kuntest tal-isfida gravi tat-tibdil fil-klima, pereżempju, bosta huma dawk li jirrifjutaw li jgħixu b’mod sempliċi sabiex ħaddieħor ikun jista’ jgħix, minħabba li mhuma se jirċievu l-ebda benefiċċju immedjat billi jadottaw stil ta’ ħajja aktar sostenibbli (“ma jaqbillix”). Tali rispons jixhed mhux biss nuqqas irresponsabbli ta’ viżjoni fit-tul, iżda wkoll nuqqas insensittiv ta’ rieda li nħallsu prezz sabiex nuru solidarjetà ma’ dawk li l-aktar se jbatu bl-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima. Infatti, nafu li l-impatt ta’ dawn il-kriżijiet, li nħolqu primarjament mill-aktar pajjiżi sinjuri u industrijalizzati tad-dinja, se jinħassu sproporzjonatament mill-aktar nies fqar fid-dinja.
Fuq livell politiku, il-virtwijiet tat-temperanza u s-sagriċċju ta’ spiss ma jissemmewx. Iżda n-nies ħaqqhom li jiġu ttrattati ta’ adulti billi tingħadilhom il-verità, saħansitra meta din il-verità ma tkunx iddoqq għal widnejhom. Meta jiġu affaċċati b’realtajiet diffiċli, bħal pereżempju matul il-pandemija tal-COVID-19, iċ-ċittadini madwar id-dinja, ġustament, jitolbu li tingħadilhom il-verità, mingħajr ebda logħob bil-kliem jew tidwir mal-lewża. L-istess spirtu ta’ tmexxija bil-verità, għall-kuntrarju ta’ forma ta’ popoliżmu li jgħid biss lin-nies dak li jixtiequ jisimgħu, għandu jkun in-norma, u mhux l-eċċezzjoni. Nafu li l-bini ta’ soċjetà aktar inklużiva mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja u r-rispett għad-dar komuni tagħna mhijiex xi ħaġa faċli. Kull min iwegħedna mod ieħor qiegħed jonqos lis-soċjetà bil-kbir. U bħala Nsara, irridu nkunu fuq quddiem biex nilqgħu l-istedina li nirrispettaw dawn il-limiti li huma imposti mill-imħabba tagħna lejn ħaddieħor u lejn id-dar komuni tagħna. Is‑sejħa tagħna li nġeddu d‑dinja “trid tingħex fi spirtu ta’ rażan”[5], billi niċħdu l-kilba li dejjem ikollna aktar u li nkunu aktar. F’dan irridu niġu ggwidati it-tama li persuna waħda li tgħix bit-temperanza tagħti eżempju tajjeb. Komunità li tgħix bit-temperanza tirrappreżenta forza politika li tista’ tibdel is-soċjetà għall-aħjar.
[1] Cf. Kate Raworth, Doughnut Economics: Seven Ways to Think Like a 21st-Century Economist, Chelsea Green Publishing, 2018.
[2] Cf. Il-Papa Franġisku, Laudato sii, 223
[3] Ibid.
[4] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 59
[5] Idem, 40