Close

Il-Vittma bla Wiċċ

Wara li tajna widen lit-trittiku ta’ ilħna li qed imexxina fir-riflessjoni tagħna, issa se niddedikaw ftit spazju lill-vuċi tar-raba’ vittma: il-Vittma bla Wiċċ. Din il-vittma mhijiex bla wiċċ għax ma teżistix. Ma għandhiex wiċċ għax il-vittma bla wiċċ tirrappreżenta multitudni ta’ vittmi bi pluralità ta’ sfondi u stejjer. M’hemmx data għal din it-traġedja. Mhijiex traġedja li seħħet f’mument preċiż, iżda li għadha għaddejja maż-żmien ma’ kull azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni.

Naħsbu hawn fiċ-ċittadin li jħallas it-taxxa. Ma tgħaddix ġurnata waħda mingħajr xi aħbar dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-proliferazzjoni ta’ tekniki sofistikati tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Il-prinċipju tas-solidarjetà li jgħaqqad soċjetà flimkien u li mingħajru kull slogan dwar li “kollha qegħdin fl-istess dgħajsa” ma jiswew xejn u huma vojta, ma jiġix megħjux billi nagħtu d-donazzjonijiet lil kawżi ġusti. Meta mhux kulħadd jagħti dak li hu dovut billi jikkontribwixxi għall-finanzjament tas-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, is-saħħa, eċċ. skont il-mezzi tiegħu, tinħoloq sitwazzjoni ta’ inġustizzja ekonomika grassa, u s-solidarjetà ssir espressjoni tal-moda iżda bla sustanza.

Niftakru f’dawk li ma joffrux jew jitolbu “pjaċiri” biex jieħdu impjieg jew servizz li huwa tagħhom bi dritt. Jekk tiddeċiedi li ma tkunx parti minn din is-sistema korrotta jfisser li ħaddieħor – li possibbilment ma jkunx ħaqqu daqsek – se jaqbeż il-kju, u jkompli jkattar aktar il-ħtieġa li titlob pjaċir biex tirċievi dak li ħaqqek jew tkun intitolat għalih bi dritt. Dawk li din it-tentazzjoni jiqfulha jiġu tikkettati bħala stupidi jew vavi.

Niftakru f’dawk li m’għandhomx konnessjonijiet tajbin. F’soċjetà bħal tagħna, ħafna affarijiet isiru biss billi tkellem lil min għandek tkellem. Meta jkunu qed jippruvaw jinnavigaw is-servizzi pubbliċi, dawk fil-marġni tas-soċjetà spiss jaffaċċaw l-ostaklu doppju jew tripplu tal-lingwa, il-preġudizzju u n-nuqqas ta’ konnessjonijiet personali.

Niftakru fil-ħaddiema kollha li, f’isem il-produttività u t-tkabbir ekonomiku, spiss jiġu obbligati jaħdmu għal sigħat twal ħafna, xi drabi mingħajr id-dritt għall-iskonnessjoni. Meta tinqabad f’din it-tellieqa ekonomika li fiha salarju full-time spiss ma jkunx biżżejjed biex jitħallas id-dejn u tipprova tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, impjieg part-time spiss isir aktar bżonn milli għażla. Dan l-istil ta’ ħajja frenetiku ma jħallix effett biss fuq l-individwu kkonċernat iżda inevitabbilment jaffettwa r-relazzjonijiet kollha tagħna, inkluż il-ħin ta’ kwalità li jista’ jiġi ddedikat lill-membri tal-familja l-oħrajn. Kollha nispiċċaw dejjem li ‘“ma jkunx hemm ħin biżżejjed” għal dak li tassew jiswa’[1].

Niftakru fl-eluf ta’ tfal li qegħdin fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li qegħdin fil-periklu li jinqabdu fin-nassa tal-faqar interġenerazzjonali[2]. Minkejja li tul is-snin, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali f’Malta ssaħħet b’diversi modi, għad hemm aktar xi jsir biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-faqar u jiġi żgurat li t-tfal kollha, hu x’inhu l-isfond tagħhom, jingħataw l-għodda u l-possibbiltajiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Niftakru fl-anzjani kollha li jħossuhom emarġinati u waħedhom. F’soċjetà li tagħti valur preeminenti lill-produttività, bosta huma dawk li jħossu li fi xjuħithom, ma fadlilhom xejn x’jikkontribwixxu. Barra minn hekk, b’ħafna minna maqbudin f’ħajja b’ritmu sfrenat, nistgħu faċilment ninsew li “n-nanniet u l-anzjani mhumiex il-fdalijiet mill-ħajja, tilqit lest biex jitwarrab. Dak li jistgħu joffrulna huwa prezzjuż tassew.”[3]

Niftakru fin-nisa kollha li huma vittmi ta’ mibegħda, vjolenza u diskriminazzjoni, sempliċiment għax huma nisa[4]. Sew hux fit-triq, fil-familji jew fil-post tax-xogħol, għal wisq żmien is-soċjetà Maltija ttollerat livelli inaċċettabbli ta’ nuqqas ta’ rispett u vjolenza – fil-kliem, l-attitudnijiet, u l-għemil – lejn in-nisa. Minbarra kwalunkwe tibdil leġiżlattiv, hemm bżonn li nindirizzaw b’urġenza l-kultura misoġinista fl-għerq ta’ din il-vjolenza. 

Dawn huma biss eżempju tal-ħafna nies li ta’ kuljum huma vittmi tal-inġustizzja, sew hix perpetwata minn individwi jew bħala riżultat ta’ problemi sistemiċi u strutturali. Ma’ dawn il-vittmi nistgħu wkoll inżidu lill-ġenerazzjonijiet futuri, li sfortunatament mhux biss se jirtu piż tad-dejn pubbliku li fil-futur jista’ jsir insostenibbli, iżda wkoll l-impatt sħiħ tal-emerġenza klimatika li ħafna għadhom jagħżlu li jinjoraw.


[1] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 59

[2] Last year, 22.6% of Maltese minors were at risk of poverty or social exclusion – Eurostat, https://www.independent.com.mt/articles/2021-10-28/local-news/Last-year-22-6-of-Maltese-minors-were-at-risk-of-poverty-or-social-exclusion-Eurostat-6736237874 (aċċessata 11/01/2022)

[3] Elderly are to be valued, not discarded, says Pope, https://www.ncronline.org/news/spirituality/francis-chronicles/elderly-are-be-valued-not-discarded-pope-says (aċċessata 11/01/2022)

[4] Cf. Woman found murdered off Sliema promenade. Suspect arrested outside Church, https://timesofmalta.com/articles/view/woman-found-murdered-off-sliema-promenade-suspect-arrested-outside.925174 (aċċessata 21/01/2022)