Close

Yahad

Jalla l-paċi tinżel fuq din l-art ħelwa

“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!

(Salm 133:1)

YAHAD: Dan it-terminu bl-Ebrajk jintuża fil-Bibbja l-aktar bħala avverbju li għandu bħala tifsira “flimkien” u “ma’ xulxin”.

L-istess terminu jintuża biex ifisser is-sens ta’ għaqda u komunità.

Daħla

Fl-ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Knisja tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Paċi. Bil-messaġġ tal-anġli fil-Milied ta’ “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” għadu jidwi, il-Knisja testendi l-viżjoni tagħha tal-paċi għad-dinja kollha.

Lokalment, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tipprova ssib modi li bih dan il-messaġġ ta’ paċi jista’ jiġi megħjux ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħna. Tabilħaqq, tul is-sena jkun hemm bosta okkażjonijiet li fihom nosservaw nuqqas serju ta’ paċi f’din il-gżira ċkejkna. Sew hux minħabba l-politika partiġġana, it-twemmin reliġjuż, l-affiljazzjoni ma’ xi każin tal-banda jew tim tal-futbol, jew minħabba kwistjonijiet personali, il-firda hija mifruxa. Barra minn hekk, din is-sena qed nistennew elezzjoni ġenerali, u bħal dejjem, il-polarizzazzjoni partiġġana, dejjem preżenti fis-soċjetà tagħna, se tiqliel.

Il-Kummissjoni temmen li għaldaqstant huwa opportun li fil-bidu ta’ din is-sena, qabel ma s-soċjetà tinqabad fil-ferneżija tal-elezzjoni, nieqfu għal mument u nirriflettu dwar kif nistgħu nġibu ruħna b’mod kostruttiv biex nibnu l-paċi fin-nazzjon tagħna. Kliem bħal unità nazzjonali u rikonċiljazzjoni nazzjonali saru komuni fid-diskorsi tal-mexxejja tagħna. Tabilħaqq, il-ħtieġa għat-tnejn li huma hija reali u urġenti. Madankollu, din l-unità nazzjonali ma tistax tinkiseb bix-xewqa jew bil-laqgħat bejn il-partijiet ikkonċernati biss. Sabiex is-soċjetà tagħna tkun tista’ tiffjorixxi, hemm bżonn isir sforz konċertat fuq skala nazzjonali biex naffaċċaw dak kollu li mhuwiex tajjeb fis-soċjetà tagħna. Hemm bżonn li nirrikonoxxu li kollha kemm aħna, b’xi mod jew ieħor, ikkontribwejna għat-tkissir tal-paċi fis-soċjetà tagħna, u li kollha kemm aħna għandna responsabbiltà ndaqs biex nibnu din il-paċi mill-ġdid.

Permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed toffri riflessjoni dwar dak li kien, fiex qegħdin, u fejn sejrin. Dan id-dokument qiegħed jiġi offrut bit-tama li jservi ta’ għajnuna għal ġensna f’din it-triq ta’ tkabbir u rikonċiljazzjoni nazzjonali, sabiex il-firdiet ta’ bejnietna jingħalqu, il-ġrieħi jiddewwew, u nsiru tabilħaqq ħaġa waħda. – Yahad!

Daniel Darmanin

President tal-Kummissjoni Ġustiżżja u Paċi

Introduzzjoni

L-istorja reċenti ta’ Malta kienet waħda ta’ suċċess, b’aktar minn mod wieħed. Skont il-bosta kriterji li tradizzjonalment jintużaw biex ikejlu l-iżvilupp ta’ pajjiż, is-soċjetà u l-ekonomija tagħna għamlu l-aħjar mill-opportunitajiet li ġew ippreżentati lilhom. Dan huwa r-riżultat tal-isforzi tal-partijiet ikkonċernati, ta’ min ifassal il-politika u taċ-ċittadini kollha li b’bosta modi stinkaw biex itejbu l-livell ta’ għajxien tagħna. F’dak li jirrigwarda t-tkabbir tal-GDP, pereżempju, qabel il-COVID, Malta esperjenzat tkabbir li qatt ma rajna bħalu. Dan it-tkabbir ekonomiku, min-naħa tiegħu, ippermetta lill-Gvern jespandi l-portafoll ta’ servizzi soċjali u għajnuna ekonomika tiegħu lil bosta kategoriji ta’ persuni, inklużi l-pensjonanti, il-ġenituri li jaħdmu, kif ukoll li jinvesti fl-infrastruttura ġenerali tal-pajjiż. L-għadd ta’ nies jaħdmu wkoll spara ’l fuq, u Malta konsistentement kellha wieħed mill-aktar livelli ta’ qgħad baxxi fl-Unjoni Ewropea.

“L-ismijiet u t-tifkira ta’ Lassana, Daphne u Miriam se jiggwidawna, jakkumpanjawna u jispirawna aħna u nirriflettu fuq dawn ir-relazzjonijiet miksura li jeħtieġu li jiġġeddu u jiġu rikonċiljati.”

Madankollu, kien hemm prezz għal dan is-suċċess, u l-prezz huwa għoli tassew. Dan id-dokument jibda b’meditazzjoni dwar il-Poliptiku tal-Vittmi – simbolu ta’ dawk li ħallsu l-ogħla prezz; rappreżentazzjoni ta’ dawk li, b’aktar minn mod wieħed, kienu vittmi tas-suċċess tagħna. Hija meditazzjoni li tinbet mir-responsabbiltà tagħna bħala Knisja “b’għajnejha u widnejha miftuħa għall‑krib ġej mill‑periferiji. B’hekk nistgħu tassew inkunu attenti u nwieġbu għal ħtiġijiet ta’ dawk fostna li huma miġruħin — hi kemm hi moħbija t‑tbatija tagħhom.”[1]

L-ismijiet u t-tifkira ta’ Lassana, Daphne u Miriam se jiggwidawna, jakkumpanjawna u jispirawna aħna u nirriflettu fuq dawn ir-relazzjonijiet miksura li jeħtieġu li jiġġeddu u jiġu rikonċiljati. Se nkunu mmexxija wkoll mill-karba tal-Vittma Bla Wiċċ, li tirrappreżenta lil kull min qiegħed jagħmel li jista’ biex jgħix ħajja ta’ virtu’f’ċirkostanzi li, f’xi waqtiet, jagħmluha aktar faċli li timxi mal-kurrent u ġġib ruħek b’modi li joħolqu saħansitra aktar vittmi tal-inġustizzja. Se nirriflettu dwar it-tip ta’ soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha, soċjetà li, għax ma tixtieqx “twarrab parti minnha fil-ġenb”[2], tiffoka mill-ġdid fuq in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, billi tibda minn dawk li qegħdin fil-marġni tas-soċjetà. F’dan il-proċess, ejjew madankollu nżommu f’moħħna li dawn il-vittmi mhumiex biss “simboli” ta’ xi ħaġa ferm akbar minnhom. Qabelxejn, dawn huma nies, maħbubin u għeżież għall-ħbieb u familjari li l-ħajjiet tagħhom se jkunu mmarkati għal dejjem bil-luttu u t-telfa, u li għall-memorja tagħhom dan id-dokument huwa ddedikat.

Dan id-dokument huwa maqsum fi tliet taqsimiet. Fl-ewwel taqsima se niffukaw fuq dawn l-istanzi li fihom inkixfu dawn il-ġrieħi tas-soċjetà. Fit-tieni taqsima, ispirati mit-tradizzjoni għanja tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, se nirriflettu dwar għadd ta’ virtujiet ewlenin, li jistgħu jagħmluha ta’ gwida aħna u nibdew dan il-proċess ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u tiġdid.  Fit-tielet u l-aħħar taqsima, il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, Insara u mhux, se jkunu mistiedna li jimpenjaw ruħhom favur soċjetà li fiha “l-kultura tal-ħela” titwarrab u tagħmel post għal “kultura tal-laqgħa”. Infatti, fil-kliem li jibqa’ jidwi ta’ Dietrich Bonhoeffer, “m’għandniex sempliċement ninfaxxaw il-ġrieħi tal-vittmi tar-roti tal-inġustizzja, iżda rridu nitfgħu l-bsaten fir-rota nfisha”[3].

[1] ARĊIDJOĊESI TA' MALTA, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 44
[2] IL-PAPA FRANĠISKU, Fratelli Tutti, 235
[3] DIETRICH BONHOEFFER, No Rusty Words. Letters, Lectures and Notes 1928-1936, Harper and Row, 1965, 225.

Poliptiku ta’ Vittmi

Fis-16 ta’ Ottubru, 2017, splodiet bomba taħt karozza fil-Bidnija li ħadet il-ħajja tal-ġurnalista investigattiva ewlenija ta’ Malta: Daphne Caruana Galizia.

Lassana

Fis-6 ta’ April 2019, Lassana Cisse Souleymane, ħaddiem migrant ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, inqatel bi sparatura minn karozza f’Ħal Far ,f’dak li huwa meqjus bħala l-ewwel qtil razzist ta’ profil għoli f’Malta.

Miriam

Fit-2 ta’ Marzu 2020, Miriam Pace inħarġet minn taħt ir-radam ta’ darha stess. Dak li suppost kien post ta’ sikurezza u kumdità spiċċa sar qabar.

Il-Vittma bla Wiċċ

Wara li tajna widen lit-trittiku ta’ ilħna li qed imexxina fir-riflessjoni tagħna, issa se niddedikaw ftit spazju lill-vuċi tar-raba’ vittma: il-Vittma bla Wiċċ. Din il-vittma mhijiex bla wiċċ għax ma teżistix.

L-Għodda Tagħna

Waqt li l-pajjiż iħejji ruħu biex jeleġġi gvern ġdid, il-memorja tal-vittmi indikata qabel mhijiex maħsuba biex twassalna għad-disprament jew biex nitilfu t-tama. Nemmnu li bħala pajjiż u bħala komunità ta’ fidi, għandna biżżejjed għodda biex flimkien inkomplu nibnu soċjetà aħjar li tippromwovi l-ġid komuni u ssaħħaħ l-iżvilupp uman u l-benesseri integrali ta’ kulħadd, partikolarment ta’ min hu l-aktar vulnerabbli. Essenzjalment irridu wkoll nikkontribwixxu lejn soċjetà li fiha huwa aktar faċli li l-individwi jkunu tajbin[4]. Biex tgħinna f’dan il-vjaġġ, se niftħu l-kaxxa tal-għodda li toffrilna t-tradizzjoni tal-Knisja Kattolika u nenfasizzaw erba’ virtuijiet u attitudnijiet li ma nistgħux ninjoraw jekk, kollha kemm aħna bil-mod individwali tagħna, irridu nieħdu sehem fix-xogħol urġenti u diffiċli tal-“politika”, li kif ifakkarna l-Papa Franġisku huwa wieħed mill-ogħla forom ta’ karità[5]. Il-bidla hija possibbli. Iżda ma nistgħux inħalluha għall-“oħrajn”. Teħtieġ lilna lkoll.
[4] Cf. DOROTHY DAY, On Pilgrimage, T & T Clark, 1999, 152.

[5] Cf. Il-PAPA FRANĠISKU, Evangelii Gaudium, 205.

Verità

Fis-snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-karba għall-ġustizzja saret marka distintiva tal-ambitu politiku u soċjali tagħna.

Kuraġġ Kreattiv

Fl-ittra appostolika Patris Corde, il-Papa Franġisku jfaħħar il-virtù tal-kuraġġ kreattiv li joħroġ quddiem xi saram, meta “nistgħu jew naqtgħu qalbna u nitbiegħdu, jew b’xi mod nitħabtu miegħu.

Temperanza

Aħna u nimxu ’l quddiem, issa nħarsu lejn il-virtù tat-temperanza. Tradizzjonalment, it-temperanza nftiehmet bħala l-virtù tal-moderazzjoni.

Paċenzja Ħanina

Aħna u noqorbu tmiem dawn ir-riflessjonijiet, inħossu li huwa importanti li nirrikonoxxu li xi drabi huwa faċli ħafna li tiskoraġġixxi ruħek.

Fil-Prattika

Is-sejħat għall-azzjoni li nsibu hawn taħt m’humiex maħsubin bħala lista li tkopri kollox. Fil-fatt kemm it-tradizzjoni tat-Tagħlim Soċjali tal-Knsija, kif ukoll dik tad-dixxerniment spiritwali, jħallu l-ispazju għall-diversita’ ta’ tweġibiet quddiem l-isfidi komuni tagħna. L-azzjonijiet issuġġeriti huwa għaldaqstant stedina miftuħa għall-persuni kollha ta’ rieda tajba u mudell li kull individwu, komunita’, familja u partit politiku jista’ juża biex jiddixxerni risposta konkreta għall-bżonnijiet konkreti li ġew identifikati f’dan id-dokument.

Il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba

Ġustizzja Soċjali

Lil hinn minni: Evalwa kif id-deċiżjonijiet tiegħek – li jistgħu jmorru mill-mod li bih ir-regoli tat-traffiku jiġu injorati regolarment għall-evażjoni tat-taxxa – għandhom impatt reali fuq ħaddieħor u fuq il-ġid komuni.

Ġustizzja Ambjentali

Ngħix bis-sempliċità: Mur lil hinn milli titkellem biss dwar it-tħassib ambjentali billi tikkonsma ħafna inqas, billi tħaddan it-trasport pubbliku u attiv (mixi, ir-rota), aħdem biex kemm jista’ jkun ma tħallix skart, aħdem favur l-enerġija rinnovabbli u kul anqas laħam.

Ġustizzja razzjali

Tħabbeb: Minbarra li tikkundanna u tirrapporta kwalunkwe episodju ta’ mibegħda u diskriminazzjoni razzjali li tara online jew fit-triq, għin biex tiżżarma l-mentalità ta’ “aħna u huma” billi ssir ħbieb mal-migranti u r-refuġjati li tiltaqa’ magħhom fil-post tax-xogħol, fil-komunità, jew fiċ-ċirku soċjali tal-ħbieb tiegħek.

Governanza tajba

Iż-żejjed kollu żejjed: Bil-vot u l-imġiba tiegħek, għid le lil sistema korrotta li fiha l-kandidati jippruvaw “jixtru” l-vot tal-kostitwenti tagħhom billi jevitaw sistemi li qegħdin hemm biex jiżguraw it-trasparenza u l-ġustizzja.

Komunitajiet Insara

Ġustizzja Soċjali

Oħloq spazji fiżiċi u virtwali ta’ inkontru u rikonċiljazzjoni: Akkumpanja lin-nies fl-iskoperta mill-ġdid – fi vjaġġ ta’ verità u ġustizzja mżewwaq bil-ħniena – tal-arti mitlufa tad-djalogu bejn l-aħwa bejn dawk kollha li jirrifjutaw li  jgħixu f’soċjetà f’kunflitt u firda permanenti.

Ġustizzja Ambjentali

Niskopru mill-ġdid id-dar komuni tagħna: Ladarba ħadd ma jipproteġi dak li ma jimpurtahx minnu, u ħadd ma jimpurtah minn dak li qatt ma esperjenza, islet mit-tradizzjoni għanja tal-Knisja fejn tidħol il-kontemplazzjoni u l-meditazzjoni billi tingħaqad mal-Laudato Si’ Platform li tipproponi b’mod kreattiv esperjenzi spiritwali man-natura u fiha.

Ġustizzja razzjali

Semma’ leħnek kontra r-razziżmu: L-Insara kollha f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija għandhom jiċħdu kull teorija jew forma ta’ razziżmu u diskriminazzjoni razzjali bħala moralment inaċċettabbli u inkompatibbli mal-fidi Nisranija tagħna.

Governanza tajba

Implimentazzjoni ta’-politika dwar l-aċċettazzjoni ta’ għotjiet: Fassal u implimenta, fil-livell tad-Djoċesi, Politika dwar l-Aċċettazzjoni ta’ Għotjiet li tissalvagwardja u tavvanza l-valuri tat-trasparenza, il-governanza tajba u l-ġustizzja ambjentali u soċjali.

Partiti Politiċi

Ġustizzja Soċjali

Adottaw baġit għall-benessri: Minflok jibqa’ ċċentrat madwar kejl eknomiku bħall-GDP, il-baġit annwali għandu jmur lil hinn mill-GDP (Beyond GDP) u jimmira lejn firxa usa’ ta’ eżiti, bħat-titjib tas-saħħa mentali, it-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal, li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi, u li ssir tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli.

Ġustizzja Ambjentali

Ħallu n-natura bi kwietha: Minflok toħolqu “spazji ħodor”, ipproteġu l-ispazji miftuħa eżistenti u żguraw li l-liġijiet u r-regolamenti tal-ippjanar eżistenti jiġu infurzati, waqt li tagħtu lin-natura – u liċ-ċittadini – ftit nifs billi nimxu mid-dependenza li għandna fuq il-karozzi u tippromwovu l-mobbiltà sostenibbli.

Ġustizzja razzjali

Implimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija: Irrikonċiljaw l-għanijiet ta’ dan il-Pjan mal-liġijiet, il-politiki u l-prassi kollha, inklużi dawk li jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, u l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-ġestjoni tal-flussi migratorji.

Governanza tajba

Iġġieldu l-klijenteliżmu korrott: Irregolaw b’mod strett il-lobbjar  permezz ta’ liġi ġdida u agħmlu lill-partiti politiċi u lill-membri parlamentari anqas dependenti fuq id-donazzjonijiet mill-individwi u n-negozji billi jiġi introdott il-finanzjament statali tal-partiti u l-membri parlamentari jsiru full time. 

L-impenn tiegħi

X’deċiżjonijiet parattiċi ser nieħu?

Uża l-hashtag #YahadMT fuq il-mezzi soċjali u kun parti minn dan il-vjaġġ.