Lassana
Fis-6 ta’ April 2019, Lassana Cisse Souleymane, ħaddiem migrant ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, inqatel bi sparatura minn karozza f’Ħal Far ,f’dak li huwa meqjus bħala l-ewwel qtil razzist ta’ profil għoli f’Malta. Żewġ migranti Afrikani oħra wkoll indarbu fl-attakk. Minn dak li nafu sa issa, jidher li Lassana ma nqatel għall-ebda raġuni ħlief mill-fatt li kien “jidher differenti”. F’Mejju 2019, is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta Francesco Fenech u Lorin Scicluna ġew mixlija bil-qtil ta’ Cisse u tal-attentat ta’ qtil tat-tnejn l-oħrajn, flimkien mal-attentat ta’ qtil ta’ migrant ieħor li ttajjar b’vettura fi Frar ta’ qabel. F’dan l-istadju, l-imputati wieġbu li mhumiex ħatja u l-proċess għadu għaddej. Lassana kien missier ta’ tlett itfal, u hu nnifsu kien tifel waħdu.
Lassana jirrappreżenta l-vittmi kollha tal-preġudizzju u l-mibegħda ta’ dawk li ma jridux jirrispettaw id-dinjità u d-differenza unika tal-oħrajn. Ismu jinsab maġenb l-ismijiet – spiss mhux magħrufa – ta’ dawk in-nies kollha li mietu fil-baħar madwarna u li huma l-vittmi ta’ politiki lokali u Ewropej li jagħmluha prattikament impossibbli biex l-applikanti għall-ażil jilħqu l-Ewropa b’mod sigur u legali, saħansitra jekk dan ifisser li eluf se jmutu u eluf oħra se jintbagħtu l-Libja biex jaffaċċaw kundizzjonijiet li kemm-il darba nġibdet l-attenzjoni dwar li kienu estremament ħżiena. Lassana huwa wkoll il-wiċċ ta’ dawk kollha li ta’ kuljum huma l-vittimi ta’ mikroaggressjonijiet fil-forma ta’ interazzjonijiet sottili, intenzjonati jew mhux, li jikkomunikaw preġudizzju kontra ħaddieħor minħabba differenzi f’lewn il-ġilda jew ir-razza tagħhom. Online kif ukoll offline, il-lingwaġġ tagħna spiss jirrifletti ostilità u vjolenza allarmanti lejn min huwa “differenti” minna[1]. Kien biss f’ġimgħat reċenti li fl-aħħar bdiet tittieħed azzjoni mill-pulizija kontra dawk li jxerrdu l-mibegħda razzjali mill-kumdità tal-iskrins tagħhom[2]. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni razzjali mhijiex limitata għat-twemmin u l-azzjonijiet ta’ individwi. Hija wkoll sistemika u istituzzjonalizzata[3]. Pereżempju, filwaqt li r-rapport dwar l-inkjesta interna, li s’issa għadu ma ġiex ippublikat, li saret wara l-qtil ta’ Lassana ma sab l-ebda evidenza ta’ razziżmu fil-Forzi Armati, kien ikun ħafna aktar xieraq li ssir inkjesta indipendenti bħala risposta għas-serjetà tas-sitwazzjoni.
“Online kif ukoll offline, il-lingwaġġ tagħna spiss jirrifletti ostilità u vjolenza allarmanti lejn min huwa “differenti” minna”
Lassana, bħal bosta migranti oħra, kien qed jikkontribwixxi għas-suċċess ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. Huwa fatt li spiss inkunu lesti li “nilqgħu” l-migranti, dment li jkollna bżonnhom biex isostnu l-attività ekonomika tagħna, biex imbagħad niskartawhom meta jweġġgħu u ma jibqax ikollna bżonnhom. Żgur m’aħniex se nħalluhom iqisu lil Malta bħala darhom. Dan kien evidenti tul il-kriżi tal-Covid meta dawk li jfasslu l-politika għamluha ċara ħafna li, minħabba r-reċessjoni ekonomika, il-migranti kollha kellhom jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, ladarba ma kinux għadhom “meħtieġa”[4]. Biex l-istess nies, ftitwara, qajmu l-allarm dwar in-nuqqas ta’ “ħaddiema” meta l-ekonomija reġgħet fetħet fl-2021[5]. Bosta studji wrew kif l-istorja ta’ suċess ekonomiku tagħna tiddependi parzjalment fuq il-preżenza tal-migranti u n-nies lokali li bħala kumpens tax-xogħol iebes tagħhom jitħallsu l-paga minima jew inqas. Ladarba din il-paga spiss mhijiex biżżejjed għal għajxien deċenti[6], ħafna huma dawk li jispiċċaw jgħixu f’akkomodazzjoni inadegwata li għal darb’oħra ma tirrispettax id-dinjità tal-bnedmin u d-dritt għal ħajja tal-familja[7].
L-għan tagħna hawn ċertament mhuwiex li nagħmlu analiżi bir-reqqa ta’ politiki u kwistjonijiet li ovvjament huma estremament kumplessi u għandhom bosta lati. Huwa pjuttost li nqajmu għadd ta’ mistoqsijiet skomdi dwar in-normi u l-valuri li jiggvernaw il-ħajja tagħna flimkien, f’tentattiv li niskopru l-problemi sottostanti tas-sistema attwali li jagħmluha insostenibbli fit-terminu t-twil, kemm mill-perspettiva morali, kif ukoll ekonomika. Irridu nistaqsu lilna nfusna, pereżempju, jekk aħniex komdi nagħtu ċ-ċittadinanza lil nies mingħajr ebda rabta ġenwina ma’ Malta basta jkunu lesti jħallsu għaliha, filwaqt li nagħmluha prattikament impossibbli għan-nies li ilhom jgħixu hawn Malta għal snin biex isiru ċittadini Maltin. F’dak li jirrigwarda l-applikanti għall-ażil, nirrikonoxxu li l-pajjiżi Ewropej jistgħu u għandhom jagħmlu aktar biex joffru għajnuna konkreta lill-pajjiżi tal-fruntiera bħal Malta. Mill-banda l-oħra, l-użu kostanti u ħażin tal-argument “full up” qatt ma jista’ jeżonerana mir-responsabbiltà legali u morali tagħna li nirrispondu għas-sejħiet mid-dgħajjes f’diffikultà. Jekk il-kejl veru ta’ soċjetà jidher fil-mod kif tittratta l-membri l-aktar dgħajfa tagħha, dan kollu għandu jservi ta’ twissija li ma tistax tibqa’ tħallina indifferenti.
[1] Cf. Footage emerges of black man getting beaten, thrown in sea in Gozo, https://timesofmalta.com/articles/view/footage-emerges-of-black-man-getting-beaten-thrown-in-sea-in-gozo.888865 (aċċessata 16/09/2021); Asylum seeker warns of danger in Marsa street after assault, https://timesofmalta.com/articles/view/asylum-seeker-warns-of-danger-in-marsa-street-after-assault.899852 (aċċessata 16/09/2021)
[2] Cf. Another 20 people to be charged with online hate speech, https://timesofmalta.com/articles/view/another-20-people-to-be-charged-with-online-hate-speech.898453 (aċċessata 16/09/2021)
[3] “Huwa ċar ukoll għall-osservatur każwali li l-minoranzi razzjali, etniċi u reliġjużi f’Malta jiffaċċjaw diskriminazzjoni strutturali fl-oqsma tal-abitazzjoni, tal-impjiegi, fl-operazzjonijiet tal-pulizija u fis-sistema tal-ġustizzja.”; “Il-minoranzi razzjali u etniċi huma soġġetti għal razziżmu sistemiku meta jiġu f’kuntatt mal-infurzar tal-liġi u mas-sistema tal-ġustizzja kriminali.”; Is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Lejn Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija, 8; 15
[4] Cf. Foreigners who lose jobs will ‘go back to their country’ – minister, https://timesofmalta.com/articles/view/governments-priority-is-to-safeguard-jobs-of-maltese-nationals.778874 (aċċessata 16/09/2021)
[5] Cf. Restaurant and hotel sectors facing employment crises, https://www.independent.com.mt/articles/2021-06-12/local-news/Restaurant-and-hotel-sectors-facing-employment-crisis-6736234274 (aċċessata 16/09/2021)
[6] Cf. Caritas Malta, A Minimum Essential Budget for a Decent living 2020.
[7] Cf. Watch: Migrants found living ‘inhumanely’ in Cow stalls in Qormi, https://timesofmalta.com/articles/view/enforcement-team-hones-in-on-farmhouse-in-qormi.686704 (aċċessata 16/09/2021)