Close

Paċenzja Ħanina

“Xi drabi jidher daqslikieku li xogħolna mhux qed iħalli frott, iżda l-missjoni mhijiex bħal tranżazzjoni tan-negozju jew investiment, jew saħansitra attività umanitarja. Mhijiex xi spettaklu li fih ngħoddu kemm jiġu nies b’riżultat tar-riklamar tagħna; hija xi ħaġa aktar profonda, li taħrab kull kejl. Jista’ jkun li l-Mulej juża s-sagrifiċċji tagħna biex iroxx il-barka tiegħu f’parti oħra tad-dinja li aħna qatt m’aħna se nżuru. L-Ispirtu s-Santu jaħdem kif irid, meta jrid, u fejn irid; aħna nintelqu f’idejh mingħajr ma nippretendu li naraw riżultati kbar. Nafu biss li l-impenn tagħna huwa meħtieġ. Ejjew nitgħallmu nistrieħu fil-ħlewwa ta’ jdejn il-Missier fil-qalba tal-impenn kreattiv u ġeneruż tagħna. Ejjew inkomplu mexjin ’il quddiem; ejjew nagħtuh kollox, u nħalluh jagħmel l-isforzi tagħna jagħtu l-frott fil-waqt tiegħu.”[1]

Aħna u noqorbu tmiem dawn ir-riflessjonijiet, inħossu li huwa importanti li nirrikonoxxu li xi drabi huwa faċli ħafna li tiskoraġġixxi ruħek. It-tentattivi tagħna li nibnu soċjetà rikonċiljata msejsa fuq il-verità u l-ġustizzja mhux dejjem jidhru li jħallu l-frott. L-isforzi tagħna jidhru fil-biċċa l-kbira għalxejn. Bħal Pietru fuq l-għadira ta’ Ġennesaret, naħdmu lejl sħiħ mingħajr ma naqbdu xejn[2]. F’mumenti bħal dawn, it-tentazzjoni tal-Poplu t’Alla ssir it-tentazzjoni tagħna. Meta “l-art imwiegħda” ma tkun tidher imkien u nkunu miexja, għajjenin, f’ambjent ostili, tiġina t-tentazzjoni li mmorru lura “l-Eġittu”, lejn dak li hu familjari u “sigur”, minkejja li nafu li huwa art il-jasar. Bħalhom, minbarra li nafdaw f’Alla, aħna msejħin inkunu paċenzjużi, magħna nfusna u ma’ ħaddieħor.

Konformi max-xejriet ta’ żmienna, għandna tendenza li nkunu rridu kollox, li nkunu rriduh issa, b’riżultati mistennija ċari u li jistgħu jitkelju li jiddefinixxu l-livell ta’ suċċess tagħna. Bħala komunità ta’ fidi li ssegwi Alla Msallab, forsi ta’ min ninterrogaw ċerta definizzjoni tas-suċċess. F’dan, aħna mmexxija minn dawk li, bħal Kristu, jimxu spalla ma’ spalla ma’ dawk li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà tagħna. Fi kliem Greg Boyle, Ġiżwita li jmexxi programm ta’ interventi u riabilitazzjoni tal-gruppi kriminali (gangs), “is-suċċess u l-falliment, fl-aħħar mill-aħħar, ftit għandhom x’jaqsmu ma’ li tgħix il-Vanġelu. Ġesù sempliċiment qagħad mal-emarġinati sa ma ntlaqgħu jew sa ma ssallab – skont liem tiġi l-ewwel.”[3] Il-Papa Franġisku jfakkarna wkoll li “ż-żmien huwa akbar mill-ispazju” u aktar milli nossessjonaw ruħna li jkollna “prodott” lest u ppakkjat sabiħ, aħna msejħa li nkunu dawk li nibdew il-proċess saħansitra meta d-destinazzjoni – u wisq inqas is-“suċċess” tagħha – tkun altru milli ċara u ż-żmien li neħtieġu biex nilħquha ma jkunx definit[4].

F’dan il-vjaġġ twil, immarkat mill-inċertezza u l-frustrazzjoni, irridu wkoll nitgħallmu l-importanza li nkunu ħanina, ma’ ħaddieħor, kif ukoll magħna nfusna. Dawk li nagħżlu biex jakkumpanjawna matul dan il-vjaġġ, f’xi punt jew ieħor sejrin ma jaqblux magħna. It-tentazzjoni li niddawru b’nies li jaħsbuha bħalna qatt ma tkun ’il bogħod. U huwa aktar diffiċli l-fatt li jekk tassew irridu li dan il-vjaġġ ikun wieħed ta’ rikonċiljazzjoni, irridu naqsmu mill-inqas xi partijiet mill-vjaġġ ma’ nies li jeħtieġu l-maħfra tagħna. B’xorti ħażina, it-temi tal-maħfra u l-ħniena xi drabi inftiehmu ħażin bħala li jimplikaw ħtieġa li naħfru kull deni u ninjoraw kull weġgħa. Iżda l-ħniena ta’ veru qatt ma tista’ tieħu post il-ġustizzja.

Dak li rridu niġġieldu għalih huwa l-ħniena ġusta. Il-ħniena, mogħtija jew riċevuta, qatt ma tkun mistħoqqa u ma tistax tintalab bi dritt. Tista’ biss tingħata liberament. Iżda l-ġustizzja, mingħajr il-ħniena, qatt ma tista’ tkisser iċ-ċiklu ta’ ħolqien ta’ vittmi, tpattija u tbatija. “Hija biss l-imħabba li tista’ tibni, filwaqt li l-mibegħda twassal għad-devastazzjoni u l-qerda. Iċ-ċiklu mortali tal-vendetta jrid jiġi sostitwit bil-libertà ġdida tal-maħfra.”[5].

Fl-attiviżmu soċjali u politiku tagħhom, l-Insara mhux se jinqatgħu mid-“dinja” permezz ta’ marki speċjali jew saħansitra mill-formazzjoni ta’ Partit “Nisrani” apposta. Il-karatteristika distintiva tagħna hija l-mod li bih ngħixu u nfittxu din il-ħniena ġusta fl-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum. “Bħalma jgħid Karl Rahner SJ, l‑Insara fid‑dinja jridu jkunu ‘mistiċi’ b’dak kollu li jagħmlu; huma jdaħħlu l‑ħniena ta’ Alla fl‑azzjonijiet kollha tagħhom kull fejn ikunu”[6]

Aħna li rċevejna l-ħniena ta’ Alla[7], naqsmu bil-ferħ ma’ ħaddieħor l-Aħbar it-Tajba tal-ħniena eterna ta’ Alla għad-dinja. F’kuntest politiku li fih ix-xewqa li nkissru l-avversarju tagħna hija dejjem preżenti, li fih il-partiti politiċi jippruvaw jisbqu lill-avversarji billi ta’ kuljum juru s-saħħa tagħhom, ma tantx jidher li fadal spazju għall-ħniena, li tidher dgħajfa. Iżda madankollu, jekk l-għan tagħna huwa li nibnu soċjetà li fih ħadd ma jitkisser jew jiġi eliminat, l-ewwel irridu niltaqgħu flimkien fl-umanità tagħna. Minflok inħarsu ’l fuq u nieħdu sehem f’eżaltazzjoni tas-saħħa u l-poter, inħarsu ’l isfel aħna u nistinkaw biex noħolqu kultura ta’ inkontru li tista’ titwieled biss mill-istat imġarraf komuni tagħna. Għax huwa hemm biss li nesperjenzaw il-ħtieġa tal-ħniena u niftħu lilna nfusna għall-possibbiltà li naqsmu ma’ ħaddieħor dak li rċevejna aħna stess. Kif qal Bryan Stevenson, avukat Amerikan li għal snin twal ilu jiġġieled l-inġustizzja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali:

“Hemm saħħa, saħansitra setgħa, li tifhem l-istat imġarraf tagħna, għax billi nħaddnuha, noħolqu ħtieġa u xewqa għall-ħniena, u forsi wkoll ħtieġa korrespondenti li nuru ħniena. Meta tesperjenza l-ħniena, titgħallem affarijiet li mod ieħor ikunu diffiċli titgħallimhom. Tara affarijiet li mod ieħor ma tarahomx; tisma’ affarijiet li mod ieħor ma tismagħhomx. Tibda tagħraf l-umanità li tgħammar f’kull wieħed u waħda minna.”[8] Aħna bdejna l-vjaġġ tagħna billi tajna wiċċ lill-vittmi tas-soċjetà tagħna. Se nispiċċawh bl-istedina li nagħrfu l-umanità li tgħammar f’kull wieħed u waħda minna, inkluż f’dawk li huma l-ibgħad u l-aktar differenti minna. Affaċċati minn bosta forzi ċentrifugali li qed ibegħduna dejjem aktar minn xulxin, qed nazzardaw nipproponu triq li tgħaqqadna flimkien. Minbarra li ndewwu l-ġrieħi tal-vittmi, aħna msejħin li nisimgħu l-ilħna tagħhom u nitgħallmu dwar kif spiċċaw hemm, u nfittxu modi konkreti u kreattivi biex nitfgħu il-bsaten fir-roti tal-inġustizzja li hemm fl-għeruq. Huwa biss billi nisimgħu b’attenzjoni dawn l-ilħna li l-qlub u l-imħuħ tagħna jistgħu jintmessu. Is-smigħ veru jippermettina li tassew inkunu qed infittxu dik il-verità li mingħajrha l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni se jibqgħu illużjoni għal dejjem. Is-smigħ veru se jippermettilna niltaqgħu mal-oħrajn bħala ħutna. Jekk nazzardaw nagħmlu dan, ħajjitna “tikkumplika  ruħha b’mod tal-għaġeb”[9] aħna u nesperjenzaw intensament x’jiġifieri li tkun aġent tar-rikonċiljazzjoni u t-tama f’dan pajjiżna li tant inħobbu.


[1] Cf. Il-Papa Franġisku, Evangelii Gaudium, 278-279

[2] Cf. Lq 5, 5.

[3] Gregory Boyle, Tattoos on the heart. The Power of Boundless Compassion, Simon & Schuster, 2010, 172.

[4] Cf. Il-Papa Franġisku, Amoris Laetitia, 3.

[5] Il-Papa Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għat-XXX Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 1997, 3.

[6] Arċidjoċesi ta’ Malta, Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed Proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, 40

[7] Cf. 2 Kor 4,1

[8] Bryan Stevenson, Just Mercy. A book of Justice and Redemption, Spiegel & Grau, 2015, 290.

[9] Il-Papa Franġisku, Evangelii Gaudium, 270.